Għaliex l-Ewropa u l-Amerka Latina għandhom bżonn lil xulxin

BRUSSELL – Fid-dinja multipolari aktar perikoluża u imprevedibbli li qed ngħixu fiha bħalissa, ir-relazzjonijiet kummerċjali jibqgħu ta' importanza seminali. Iżda ma jistgħux jinfirdu mill-ġeopolitika. Ħafna Ewropej ilhom jemmnu bil-kontra, iżda l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna enfasizzat ir-riskji li rriżultaw mid-dipendenza tal-Unjoni Ewropea fuq il-gass Russu u wrietna li dan l-approċċ m'għadux validu.

Jekk l-UE trid tiġi rikonoxxuta bħala attur ġeopolitiku reali, mhux ser ikun biżżejjed li nsaħħu l-għaqda interna tagħna. Irridu wkoll nikkalibraw mill-ġdid il-boxxla strateġika tagħna, billi nużaw l-istrumenti politiċi u ekonomiċi tagħna b'mod aktar koerenti u nidentifikaw mhux biss ir-riskji iżda wkoll l-opportunitajiet b'mod aktar effettiv. Din hija r-raġuni għaliex mill-bidu tal-mandat tiegħi argumentajt li l-Ewropa għandha tapprofondixxi r-rabtiet tagħha mal-pajjiżi tal-Amerka Latina u l-Karibew.

Biex nagħmlu l-qabża kwalitattiva li għandna bżonn, ser ikollna nsaħħu d-djalogu politiku fl-ogħla livell. Iżda biex niżguraw li l-isforzi tagħna jkunu kredibbli, irridu nlestu wkoll il-modernizzazzjoni tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni eżistenti mal-Messiku u ċ-Ċilì, niffirmaw il-ftehim innegozjat ta' wara Cotonou mal-komunità Afrikana, tal-Karibew u tal-Paċifiku, nirratifikaw il-ftehim ta' assoċjazzjoni mal-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali, u niffinalizzaw il-ftehim bejn l-UE u l-Mercosur.

Filwaqt li l-kummerċ għandu rwol importanti x'jaqdi f'dawn il-ftehimiet kollha, l-ebda wieħed minnhom ma jista' jitqies biss bħala ftehim kummerċjali. L-aktar wieħed kumpless minn dawn il-ftehimiet huwa dak mal-Mercosur, li ilna ninnegozjaw għal aktar minn għoxrin sena. Jista' jkun li fit-tango għoxrin sena mhuma xejn, iżda f'dan il-każ, huma twal wisq.

Matul żjara fl-Amerka t'Isfel ix-xahar li għadda, kelli l-opportunità li niltaqa' ma' mexxejja mill-Arġentina, il-Paragwaj, u l-Urugwaj, li bħalissa għandu l-presidenza b'rotazzjoni tal-Mercosur. Aktar reċentement, fraħt lill-President Brażiljan elett Luiz Inácio Lula da Silva talli ġie elett. F'dawn il-konverżazzjonijiet kollha, il-ftehim bejn l-UE u l-Mercosur kien fuq quddiem nett. Lil dawn il-mexxejja ppruvajt inwassal il-messaġġ li r-rieda politika biex jiġi ffinalizzat dan il-ftehim ta' benefiċċju reċiproku għadha ħajja u kif.

Nammetti li l-kelma "strateġika" tintuża żżejjed. Iżda, fil-każ tal-ftehim bejn l-UE u l-Mercosur, din ma setgħetx tkun aktar adattata. Filwaqt li xi wħud jopponuh – billi jinvokaw l-eżistenza ta' interessi kunfliġġenti – hemm argumenti konvinċenti biex jiġi ffinalizzat dan il-ftehim.

Biex nibdew, il-ftehim bejn l-UE u l-Mercosur huwa ħafna aktar minn ftehim kummerċjali. Huwa strument ta' natura politika profonda li, billi javvanza d-djalogu u l-kooperazzjoni, jissiġilla alleanza strateġika bejn żewġ reġjuni li huma fost l-aktar allinjati mill-qrib fid-dinja fir-rigward tal-interessi u l-valuri, li jaqsmu viżjoni simili tat-tip ta' soċjetajiet li rridu.

Barra minn hekk, fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, beħsiebna nsaħħu l-awtonomija strateġika tagħna u ntejbu r-reżiljenza ekonomika tagħna billi nnaqqsu d-dipendenzi eċċessivi. Madankollu, l-awtonomija ma tfissirx iżolament. Pjuttost, din tfisser id-diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-valur, li min-naħa tagħha teħtieġ kooperazzjoni ma' sħab ekonomiċi u politiċi affidabbli.

Billi jġib flimkien tnejn mill-akbar blokok kummerċjali fid-dinja – b'popolazzjoni kkombinata ta' aktar minn 700 miljun – il-ftehim bejn l-UE u l-Mercosur ikun l-akbar ftehim kummerċjali li l-UE qatt ikkonkludiet. Dan ikun ukoll l-ewwel ftehim kummerċjali komprensiv tal-Mercosur, li jsaħħaħ l-integrazzjoni tal-grupp.

Regoli komuni jiftħu l-bibien bejn is-swieq il-kbar tagħna u jiġġeneraw opportunitajiet reali għan-negozji fuq iż-żewġ naħat, filwaqt li jappoġġaw il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja fl-Ewropa u fl-Amerka Latina. Filwaqt li jirrikonoxxi li hemm asimmetrija ekonomika fis-sitwazzjonijiet tagħna, il-ftehim jispeċifika li l-kummerċ jinfetaħ progressivament, u b'hekk is-setturi rilevanti jingħataw żmien biex jimmodernizzaw u jsiru kompetittivi.

Il-pajjiżi tal-Mercosur iridu jesportaw aktar lejn l-Ewropa iżda jridu wkoll jevitaw li jispiċċaw sempliċiment esportaturi ta' riżorsi estrattivi. Huma għandhom l-intenzjoni li jiżviluppaw il-kapaċità produttiva u ta' esportazzjoni tagħhom, billi jżidu l-valur tar-riżorsi naturali permezz tal-innovazzjoni u t-teknoloġija, filwaqt li jaderixxu ma' standards soċjali u ambjentali stretti.

It-tielet argument għall-ftehim bejn l-UE u l-Mercosur jinsab fil-potenzjal tiegħu li javvanza l-azzjoni klimatika u l-protezzjoni ambjentali. Fil-fatt, il-qbil politiku li laħqu l-UE u l-Mercosur fl-2019 kien fost l-ewwel tat-tip tiegħu li inkluda referenza għall-ftehim ta' Pariġi dwar il-klima. Madankollu, fl-Ewropa hemm dubji dwar il-livell ta' dan l-impenn, speċjalment fid-dawl tad-deforestazzjoni li qed taċċellera fl-Amażonja f'dawn l-aħħar snin. Xi wħud fl-Ewropa jargumentaw li leġiżlazzjoni awtonoma tal-UE tkun l-unika triq kredibbli 'l quddiem. Iżda ma nistgħux niżolaw lilna nfusna u nbiddlu d-dinja fl-istess ħin. Il-qafas regolatorju tagħna jrid ikun akkumpanjat minn aktar djalogu u kooperazzjoni internazzjonali, iffukati fuq il-kjarifika tal-impenji komuni u l-bini ta' ktajjen tal-valur aktar sostenibbli.

Il-President elett Lula għamel ċara x-xewqa tiegħu li jiddefendi d-demokrazija tal-Brażil, ifejjaq il-ġrieħi tas-soċjetà tiegħu, javvanza l-kawża tal-ġustizzja soċjali, u jagħti spinta lill-ekonomija filwaqt li jindirizza t-tibdil fil-klima u d-deforestazzjoni fl-Amażonja. Il-ftehim mal-UE jappoġġa dan l-isforz billi jippermetti l-kondiviżjoni tal-għarfien, it-titjib tal-istandards, it-tisħiħ tal-protezzjoni ambjentali, u modi sostenibbli ta' produzzjoni. In-naħa Ewropea ser tipproponi strument addizzjonali li jispeċifika l-impenji komuni tagħna għas-sostenibbiltà ambjentali.

Fl-aħħar nett, il-ftehim bejn l-UE u l-Mercosur mhuwiex għan aħħari, iżda punt ta' tluq. Dan jimmarka l-bidu ta' perkors flimkien u joħloq il-qafas istituzzjonali meħtieġ biex jiffaċilita l-kooperazzjoni f'firxa wiesgħa ta' oqsma ta' interess reċiproku, mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli għar-regolamentazzjoni tal-ekonomija diġitali u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Dan il-ftehim ser isaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħna mhux biss bejn il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet, iżda wkoll bejn il-membri parlamentari, is-soċjetà ċivili, l-imprendituri, l-istudenti, l-universitajiet, ix-xjentisti u l-kreaturi.

Wasal iż-żmien li jiġu abbandunati tattiki li ma jħarsux fit-tul. F'dinja ta' ġganti, l-UE u l-Mercosur flimkien jirrappreżentaw biss 10 % tal-popolazzjoni tad-dinja u 20 % tal-PDG dinji. Għalhekk, jekk l-Ewropa u l-Mercosur iridu jkunu influwenti, il-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Mercosur huwa imperattiv strateġiku. Il-presidenza Brażiljana tal-Mercosur u l-presidenza Spanjola tal-UE, li tibda fit-tieni nofs tal-2023, joffru opportunità kbira biex jingħata l-momentum li teħtieġ ir-relazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur.