European Union External Action

Rappreżentanti Speċjali tal-UE

31/05/2021 - 15:56
Overview

L-Unjoni Ewropea għandha Rappreżentanti Speċjali f'pajjiżi u reġjuni differenti tad-dinja.

Ir-Rappreżentanti Speċjali tal-UE (RSUE) jippromwovu l-politiki u l-interessi tal-UE f'reġjuni u pajjiżi fejn hemm l-inkwiet u jaqdu rwol attiv fi sforzi għall-konsolidazzjoni tal-paċi, l-istabbiltà u l-istat tad-dritt.

Ir-RSUE jappoġġaw il-ħidma tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ("ir-RGħ") fir-reġjuni kkonċernati. Huma jaqdu rwol importanti fl-iżvilupp ta' Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) tal-UE aktar b'saħħitha u aktar effettiva u fl-isforzi tal-Unjoni biex issir attur aktar effettiv, aktar koerenti u aktar kapaċi fix-xena dinjija. Huma jipprovdu lill-UE bi preżenza politika attiva f'pajjiżi u reġjuni ewlenin, filwaqt li jaġixxu bħala "vuċi" u "wiċċ" għall-UE u l-politiki tagħha.

Ir-RSUE jkopru dawn li ġejjin: il-Bożnija-Ħerzegovina, Asja Ċentrali, Qarn tal-Afrika, id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kosovo, il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, is-Saħel u l-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia.

Is-Sur Johann Sattler beda jaqdi d-dmirijiet tiegħu ta' Rappreżentanti Speċjali tal-UE fil-Bożnija-Ħerzegovina fl-1 ta' Settembru 2019. Il-mandat tiegħu huwa bbażat fuq l-objettivi ta' politika li ġejjin tal-Unjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina: progress kontinwu fil-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni, bl-għan ta' Bożnija-Ħerzegovina stabbli, vijabbli, paċifika u multietnika u unita, li tikkoopera b'mod paċifiku mal-ġirien tagħha u li tinsab b'mod irreversibbli fit-triq lejn is-sħubija mal-Unjoni. L-Unjoni ser tkompli wkoll tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas Ġenerali għall-Paċi (GFAP) fil-BiH.

Kont Twitter: @josattler

Is-Sur Peter Burian inħatar bħala RSUE għall-Asja Ċentrali fil-15 ta' April 2015. Il-ħatra tiegħu turi l-kooperazzjoni kontinwa tal-UE mal-Asja Ċentrali, filwaqt li tiżgura preżenza b'saħħitha fl-involviment tagħna dwar kwistjonijiet ewlenin ta' interess reċiproku inkluż l-istat tad-dritt, is-sigurtà, l-enerġija, l-ilma, l-edukazzjoni u d-drittijiet tal-bniedem.

Is-Sur Alexander Rondos inħatar bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Qarn tal-Afrika fl-1 ta' Jannar 2012. Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta' politika tal-Unjoni Ewropea b'rabta mal-Qarn tal-Afrika biex tikkontribwixxi b'mod attiv fl-isforzi reġjonali u internazzjonali biex jinkisbu paċi, sigurtà u żvilupp dejjiema fir-reġjun. Barra minn hekk ir-RSUE għandu jkollu fil-mira tiegħu t-tisħiħ tal-kwalità, l-intensità u l-impatt tal-involviment pluridimensjonali tal-UE fil-Qarn tal-Afrika.

Is-Sur Eamon Gilmore huwa r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, li jissostitwixxi lis-Sur Stavros Lambrinidis, l-ewwel Rappreżentant Speċjali tal-UE li nħatar fl-2012. Is-Sur Gilmore beda jaqdi d-dmirijiet tiegħu fl-1 ta' Marzu 2019 u inizjalment inħatar għal sentejn.

Il-kompiti tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem huma li jsaħħaħ l-effettività u l-viżibbiltà tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem. Ir-Rappreżentant Speċjali għandu mandat wiesa' u flessibbli li jipprovdi l-possibbiltà ta' adattament għaċ-ċirkostanzi ġeopolitiċi li jkunu qed jevolvu. Ir-Rappreżentant Għoli ser jaħdem mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, li ser jipprovdi appoġġ sħiħ għall-ħidma tiegħu.

Bħala l-eks Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Irlanda, Eamon Gilmore kellu responsabbiltà governattiva għall-implimentazzjoni tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, inkluż id-dispożizzjonijiet ewlenin tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem. Ilu l-Mibgħut Speċjali tar-Rappreżentant Għoli għall-Proċess tal-Paċi fil-Kolombja minn Ottubru 2015 'l hawn. Il-ħidma u l-kontribut tiegħu għall-proċess tal-paċi kienu apprezzati ferm min-naħat kollha.

Kont Twitter: @EamonGilmore

Is-Sinjura Nataliya Apostolova inħatret bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kosovo fl-4 ta' Awwissu 2016. Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-politika, il-mandat jinkludi l-kompitu li joffri l-parir u l-appoġġ tal-UE fil-proċess politiku u li jippromwovi l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni fil-Kosovo.

Susanna Terstal ilha r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani mit-18 ta' Settembru 2018. Il-kompiti tar-Rappreżentant Speċjali huma l-kontribut għal azzjonijiet u inizjattivi li wasslu għal riżoluzzjoni finali tal-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina abbażi tas-soluzzjoni ta' żewġ stati. Hija ser tappoġġa u tikkontribwixxi b'mod attiv għan-negozjati ta' paċi bejn iż-żewġ partijiet.

Is-Sur Angel LOSADA nħatar bħala r-RSUE għas-Saħel fl-1 ta' Novembru 2015. Huwa ser imexxi l-kontribut tal-UE għall-isforzi reġjonali u internazzjonali għal paċi dejjiema, sigurtà u żvilupp fis-Saħel. Huwa ser jikkordina wkoll l-approċċ komprensiv tal-UE għall-kriżi reġjonali, abbażi tal-Istrateġija tal-UE għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel.

Kont Twitter: @AngelLosadaEU

Informazzjoni ta' kuntatt: +32 2 584 5428/2479

Indirizz elettroniku: angel.losada@ext.eeas.europa.eu

Is-Sur Toivo Klaar inħatar ir–RSUE għall-Kawkasu tan-Nofsinharu l-kriżi fil-Georgia fit-13 ta' Novembru 2017. Il-mandat tiegħu huwa bbażat fuq l-objettivi ta' politika tal-Unjoni għall-Kawkasu tan-Nofsinhar f'konformità mal-mekkaniżmi eżistenti, inkluż l-OSKE u l-Grupp ta' Minsk tagħha, li jkun hemm prevenzjoni ta' kunflitti fir-reġjun, li jingħata kontribut għal soluzzjoni paċifika tal-kunflitti fir-reġjun, inkluż il-kriżi fil-Georgia u l-kunflitt f'Nagorno-Karabakh, permezz tal-promozzjoni tar-ritorn tar-refuġjati u ta' persuni spostati f'pajjiżhom u permezz ta' mezzi oħra adatti, u li tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta' tali soluzzjoni f'konformità mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali; li jkun hemm impenn kostruttiv mal-atturi interessati ewlenin fir-rigward tar-reġjun; li tiġi nkoraġġuta u appoġġata aktar il-kooperazzjoni bejn l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Georgia, u, kif adatt, il-pajjiżi ġirien tagħhom; u li tittejjeb l-effettività u l-viżibbiltà tal-Unjoni fir-reġjun.

Kont Twitter: @ToivoKlaar

Editorial Sections: