European Union External Action

Ħidma ma' istituzzjonijiet oħra tal-UE

25/11/2019 - 15:44
Overview

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jaħdem mill-qrib ma' istituzzjonijiet u korpi oħra tal-UE li jaqdu rwol fl-iżvilupp tal-politika barranija tal-UE.

Is-sħab ewlenin tiegħu huma l-Kunsill Ewropew, fejn il-kapijiet tal-Istat u tal-Gvernijiet tal-istati membri kollha tal-UE jiltaqgħu, il-Kummissjoni Ewropea li hija l-eżekuttiv tal-UE u l-Parlament Ewropew li huwa elett direttament miċ-ċittadini tal-UE.

Il-politiki barranin tal-UE jitmexxew mill-Kunsill Ewropew u huma definiti mill-Kunsill Affarijiet Barranin, li jlaqqa' flimkien il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-istati membri tal-UE darba f'xahar fi Brussell. Il-Kunsill Affarijiet Barranin huwa responsabbli għall-azzjoni esterna tal-UE, li tinkludi l-politika barranija, id-difiża u s-sigurtà, il-kummerċ, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja.

Ir-RGħ/VP jippresiedi dawn il-laqgħat. Ladarba l-politiki huma determinati mill-Kunsill, is-SEAE, fejn xieraq, jiġi inkarigat li jimplimentahom u jsegwihom.

Is-SEAE jikkoopera mal-Kummissjoni Ewropea dwar ħafna kwistjonijiet – bl-adozzjoni ta' approċċ komprensiv għall-politika barranija tal-UE. Il-Kulleġġ sħiħ tal-Kummissarji Ewropej jiltaqa' darba fix-xahar u barra minn hekk ir-RGħ/VP jippresiedi kull xahar laqgħa tal-Kummissarji kollha li l-portafolji tagħhom jittrattaw kwistjonijiet internazzjonali - bħall-kummerċ u l-iżvilupp pereżempju.

L-UE żżomm relazzjonijiet diplomatiċi ma' kważi l-pajjiżi kollha fid-dinja u twettaq firxa ta' azzjonijiet mas-sħab strateġiċi, is-sħab internazzjonali ewlenin, u setgħat emerġenti u li qed jiżviluppaw. B'ħidma mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), is-servizz tal-Kummissjoni Ewropea tal-Istrumenti tal-Politika Barranija (FPI) huwa responsabbli għal nefqiet operazzjonali fil-qasam kruċjali tal-azzjoni esterna tal-UE.

Finalment, is-SEAE jaħdem ukoll mal-Parlament Ewropew. Ir-RGħ/VP jirrapporta regolarment dwar il-politika barranija u l-attivitajiet tiegħu lill-Membri tal-Parlament Ewropew u jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħu. Is-SEAE jassisti lir-RGħ/VP b'dan il-kompitu. Il-Parlament Ewropew jipprovdi pjattaforma għal skambju dwar il-politika barranija bejn dawk li jfasslu l-politiki fil-livell istituzzjonali u governattiv, kif ukoll is-soċjetà ċivili, inkluż think tanks u akkademiċi. Flimkien mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew irid japprova l-baġit annwali għall-politika barranija u ta' sigurtà.

Editorial Sections: