Internazzjonalment, l-UE mexxiet u appoġġat taħditiet ta' paċi madwar id-dinja biex tiffaċilita soluzzjonijiet f'kunflitti madwar id-dinja bħal pereżempju:
F'Lulju 2015, wara snin ta' diplomazija mmexxija mill-UE, intlaħaq ftehim internazzjonali storiku dwar il-programm nukleari tal-Iran. L-UE nnegozjat il-ftehim flimkien maċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, ir-Russja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti. L-Iran wiegħed li fl-ebda ċirkostanza ma kien ser ifittex, jiżviluppa jew jakkwista armi nukleari. Issa l-UE tippresiedi l-Kumitat li jissorvelja l-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim.
Fil-Kolombja, l-UE qed tappoġġa t-taħditiet tal-paċi bejn il-Gvern u l-moviment tal-FARC biex jintemmu deċennji ta' gwerra ċivili permezz tal-ħatra ta' mibgħut speċjali għall-paċi - l-eks-ministru għall-affarijiet barranin tal-Irlanda Eamon Gilmore.
Fil-Mali, l-UE qed tgħin lill-pajjiż joħroġ minn kriżi politika profonda permezz tal-komedjazzjoni tal-ftehim ta' paċi Maljan li ġie ffirmat f'Ġunju 2015. L-UE qed tgħin ukoll tħarreġ lill-forzi armati Maljani biex jiġġieldu t-terroriżmu u qed tgħin permezz ta' għajnuna sostanzjali għall-iżvilupp. Dan huwa eżempju tal-approċċ komprensiv tal-UE li juża l-għodod kollha tagħha - dawk diplomatiċi, ta' sigurtà u finanzjarji u permezz tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.
Permezz tal-appoġġ politiku, prattiku u ekonomiku tagħha, l-UE qdiet rwol kruċjali fil-bini tal-paċi fil-Balkani tal-Punent mill-gwerer tal-Jugoslavja 'l hawn. Eżempju wieħed huwa d-djalogu ffaċilitat mill-Unjoni Ewropea bejn is-Serbja u l-Kosovo, li wassal għal ftehim storiku f'April 2013, u li bħalissa qed jiġi implimentat bl-appoġġ tal-UE.