European Union External Action

Dwar is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

25/11/2019 - 14:16
About us - structure and organisation

Is-SEAE huwa s-servizz diplomatiku tal-Unjoni Ewropea. Huwa jgħin lill-kap tal-affarijiet barranin tal-UE – ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà – jimplimenta l-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-Unjoni.

 

Aspett ewlieni tal-ħidma tas-SEAE huwa l-abilità tiegħu li jaħdem mill-qrib mal-ministeri għall-affarijiet barranin u għad-difiża tal-istati membri tal-UE u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE bħall-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill u l-Parlament. Huwa għandu wkoll relazzjoni ta' ħidma b'saħħitha man-Nazzjonijiet Uniti u Organizzazzjonijiet Internazzjonali oħra.

Ibbażat fi Brussell, iżda dipendenti fuq netwerk estensiv ta' preżenza diplomatika tal-UE madwar id-dinja, is-SEAE jgħaqqad flimkien impjegati taċ-ċivil, diplomati mis-servizzi barranin tal-istati membri tal-UE u staff lokali f'pajjiżi madwar id-dinja.

Kwartieri ġenerali

Is-SEAE huwa mmexxi mir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni (RGħ/VP) Josep Borrell.

Il-parti l-kbira tal-ħidma ta' kuljum fil-kwartieri ġenerali tas-SEAE taqa' taħt l-awtorità tas-Segretarju Ġenerali Helga Schmid, li hija appoġġata minn tliet Viċi Segretarji Ġenerali: Christian Leffler, Jean-Christophe Belliard u Pedro Serrano.

Is-SEAE jinqasam kemm f'direttorati ġeografiċi kif ukoll f'dawk tematiċi:

Ħames dipartimenti kbar ikopru żoni differenti tad-dinja – l-Asja-Paċifiku, l-Afrika, l-Ewropa u l-Asja Ċentrali, iż-Żona Akbar tal-Lvant Nofsani u l-Kontinent Amerikan.

Dipartimenti separati jkopru kwistjonijiet globali u multilaterali li jinkludu, pereżempju, id-drittijiet tal-bniedem, l-appoġġ għad-demokrazija, il-migrazzjoni, l-iżvilupp, ir-rispons għall-kriżijiet u kwistjonijiet amministrattivi u finanzjarji.

Is-SEAE għandu wkoll id-dipartimenti importanti tal-ippjanar tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) u tar-rispons għall-kriżijiet. Il-Persunal Militari tal-UE huwa s-sors ta' għarfien espert militari kollettiv fi ħdan is-SEAE u jagħti wkoll parir lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President dwar kwistjonijiet militari u ta' sigurtà.

Għal aktar informazzjoni, ara l-aħħarorganigramma tas-SEAE.

Delegazzjonijiet tal-UE

Wara t-Trattat ta' Lisbona, is-SEAE sar responsabbli għat-tmexxija tad-Delegazzjonijiet u l-Uffiċċji tal-UE madwar id-dinja.

Id-Delegazzjonijiet jaqdu rwol kruċjali fir-rappreżentazzjoni tal-UE u ċ-ċittadini tagħha madwar id-dinja u fil-bini ta' netwerks u sħubijiet. Ir-rwol prinċipali huwa li jirrappreżentaw lill-UE fil-pajjiż fejn ikunu bbażati u li jippromwovu l-valuri u l-interessi tal-UE.

Huma responsabbli għall-oqsma ta' politika kollha b'rabta mar-relazzjoni tal-UE u l-pajjiż ospitanti – irrispettivament minn jekk humiex politiċi, ekonomiċi, kummerċjali jew dwar id-drittijiet tal-bniedem – u għall-bini ta' relazzjonijiet mas-sħab fis-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, huma janalizzaw u jirrappurtaw dwar żviluppi politiċi fil-pajjiż ospitanti tagħhom. Huma jipprogrammaw ukoll kooperazzjoni għall-iżvilupp permezz ta' proġetti u għotjiet. Aspett fundamentali ta' Delegazzjoni huwa r-rwol diplomatiku pubbliku tagħha li jikkonsisti fiż-żieda tal-viżibbiltà tal-UE u s-sensibilizzazzjoni u l-fehim dwarha.

Id-delegazzjonijiet huma missjonijiet diplomatiċi u normalment huma responsabbli għal pajjiż wieħed, għalkemm uħud minnhom huma rappreżentanti għal diversi pajjiżi. L-UE għandha wkoll Delegazzjonijiet għal organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ pereżempju.

Editorial Sections: