X'inhi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi?
Il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (FEP) hija fond ġdid propost barra mill-baġit li jiswa €10.5 biljun, għal perijodu ta' seba' snin, li jikkoinċidi mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss għall-2021-2027.Din il-faċilità ser tippermetti il-finanzjament tal-azzjoni esterna kollha tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) b'implikazzjonijiet militari jew ta' difiża.
Il-proposta tal-FEP ser issaħħaħ l-ambitu tal-ispejjeż komuni għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet militari tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, biex tassisti l-operazzjonijiet militari ta' appoġġ għall-paċi tas-sħab fuq skala globali u twessa' azzjonijiet ta' natura militari jew ta' difiża, bħall-attivitajiet tal-bini tal-kapaċità għall-atturi militari, li jistgħu jitwettqu skont il-PESK.
X'inhu l-valur miżjud tal-FEP?
It-Trattat tal-UE (Art. 41.2 TUE) ma jippermettix li l-baġit tal-Unjoni jiffinanzja nefqa b'implikazzjonijiet militari jew ta' difiża. S'issa, il-missjonijiet u l-operazzjonijiet militari tal-PSDK tal-UE ġew iffinanzjati esklussivament mill-mekkaniżmu Athena u l-appoġġ għall-operazzjonijiet militari ta' appoġġ għall-paċi tas-sħab kien limitat għall-operazzjonijiet immexxija mill-Afrika permezz tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika.
Il-FEP ser tindirizza l-limitazzjonijiet ta' dawn l-istrumenti. Il-FEP ser tkopri l-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet u l-missjonijiet militari tal-UE u ser tippermetti appoġġ għall-isħab fuq skala globali. Permezz tal-FEP ser ikunu jistgħu jsiru l-attivitajiet tal-bini tal-kapaċità għall-atturi militari u ser jingħataw taħriġ, tagħmir u infrastruttura. Din il-kombinazzjoni ser tippermetti lill-UE tibni l-kapaċità tal-isħab biex jindirizzaw kriżijiet, jipprevjenu konflitti u jibnu stabbiltà huma stess.
B'valur ta' €10.5 biljun għall-perijodu ta' seba' snin tal-QFP, il-FEP ser tiżgura li l-fond tal-UE jkun disponibbli fuq bażi permanenti, waqt li jippermetti reazzjoni rapida għall-kriżijiet u l-provvediment ta' assistenza urġenti oħra. Għaldaqstant, l-objettiv tal-mekkaniżmu huwa li jagħlaq il-lakuni eżistenti fis-sett ta' għodod tal-UE, biex b'hekk jippermetti lill-UE tagħmel aktar u taġixxi aktar malajr. B'dan il-mod, il-FEP ser timmassimizza l-impatt, l-effikaċja u s-sostenibbiltà tal-azzjoni esterna ġenerali tal-UE fil-paċi u s-sigurtà.
Kif ser titnieda l-FEP?
Il-FEP hija proposta tar-Rappreżentant Għoli, bl-appoġġ tal-Kummissjoni. Hija għandha tiġi stabbilita bħala Deċiżjoni tal-Kunsill skont il-PESK. Din hija possibbiltà prevista mill-Artikolu 30.1 TUE.
Minfejn ser jiġi l-finanzjament tal-FEP?
Il-FEP ser tiġi ffinanzjata minn kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri abbażi ta' skema ta' distribuzzjoni tad-Dħul Nazzjonali Gross.
Għal kemm ser jammonta l-baġit tal-FEP?
Il-limitu massimu propost ta' €10.5 biljun għall-FEP tul perijodu ta' seba' snin, li jikkoinċidi mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, jirrifletti l-ħtiġijiet li żdiedu sostanzjalment minħabba l-ambjent estern diffiċli tal-UE.
Il-Faċilità Ewropea għall-Paċi ser tissostitwixxi strumenti eżistenti bħall-mekkaniżmu Athena jew il-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika?
Il-FEP tibni fuq il-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika u l-mekkaniżmu Athena u għandha tipprovdi appoġġ li bħalissa huwa parzjalment kopert minn dawn l-istrumenti ta' finanzjament[1]. Il-FEP għandha għalhekk tkompli tiffinanzja l-operazzjonijiet għall-appoġġ tal-paċi mmexxija mill-Afrika, bħall-AMISOM jew il-Forza Konġunta G5 tas-Saħel, filwaqt li fl-istess ħin tieħu ħsieb l-ispejjeż komuni tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet militari tal-PSDK, li bħalissa huma ffinanzjati mill-mekkaniżmu Athena.
Kif ser tkun differenti minn strumenti oħra skont il-QFP il-ġdid?
Il-FEP hija fond barra mill-baġit li jkopri l-ispejjeż li ma jistgħux ikunu koperti mill-baġit tal-UE. Strumenti oħra relatati mad-difiża taħt il-QFP (bħall-Fond Ewropew għad-Difiża) ser jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża tal-Istati Membri u b'hekk iżidu l-kapaċità ġenerali tagħhom.
Minn ser jimmaniġġa l-FEP?
Peress li hija strument tal-PESK, l-implimentazzjoni tagħha ser tkun żgurata mir-Rappreżentant Għoli (RGħ), bl-appoġġ tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). Għall-finijiet ta' amministrazzjoni finanzjarja, ir-RGħ ser tkun assistita mis-Servizz tal-Kummissjoni tal-Istrumenti tal-Politika Barranija (FPI).
Fuq bażi ta' kuljum, Kumitat tal-FEP, magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u ppresedut minn rappreżentant tar-Rappreżentat Għoli, ser jimmaniġġa l-FEP, b'mod partikolari l-baġits u l-kontijiet.
Min jiddeċiedi dwar il-programmi u l-proġetti li ser jiġu implimentati permezz tal-FEP?
Il-FEP għandha tissimplifika l-arranġamenti ta' finanzjament li qabel kienu differenti. L-azzjonijiet iffinanzjati mill-Faċilità ser jiġu deċiżi mill-Kunsill jew mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà, li jaġixxi b'unanimità abbażi tal-proposti mir-Rappreżentant Għoli.
L-azzjonijiet kollha taħt il-FEP ser jitwettqu b'rispett sħiħ tal-obbligi skont id-dritt internazzjonali, b'mod partikolari d-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali. Mekkaniżmi ta' sorveljanza ser ikunu stabbilit kif xieraq.
Informazzjoni ġenerali
Ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Federica Mogherini varat l-idea ta' Faċilità Ewropea ġdida għall-Paċi, iffinanzjata u mmaniġġata flimkien mal-Istati Membri waqt id-diskors tagħha fl-avveniment "Building on vision, forward to action: delivering on EU security and defence" ta' Diċembru 2017. Din il-faċilità ġdida għandha tippermetti lill-UE tappoġġa aħjar lill-isħab biex jindirizzaw l-isfidi komuni ta' sigurtà, jew billi tappoġġa l-operazzjonijiet tagħhom għaż-żamma tal-paċi jew inkella billi tgħinhom iżidu l-kapaċità tal-forzi armati tagħhom biex jiżguraw il-paċi u s-sigurtà fit-territorju nazzjonali tagħhom, kif ukoll permezz ta' missjonijiet u operazzjonijiet militari tal-PSDK.
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-14 ta' Frar dwar "QFP ġdid u modern għal UE li tagħti riżultati fuq il-prijoritajiet tagħha b'mod effiċjenti wara l-2020" tibni fuq dan, u ssemmi "Mekkaniżmu ta' finanzjament separat ta' madwar €10 biljun għall-perijodu ta' bejn l-2021 u l-2027 [li għandu] jżid b'mod sinifikanti l-kapaċità tal-UE li tappoġġa finanzjarjament l-operazzjonijiet b'implikazzjonijiet ta' difiża. Dan ikun jammonta għal €3.5 biljun fil-perijodu attwali."[2]
Għal aktar informazzjoni
Stqarrija għall-istampa: Il-baġit tal-UE għall-futur
Skeda informattiva: il-Faċilità Ewropea għall-Paċi
[1] Il-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika llum hija ffinanzjata mill-Fond extrabaġitarju Ewropew għall-Iżvilupp. Il-mekkaniżmu Athena huwa wkoll arranġament ta' finanzjament barra mill-baġit stabbilit mill-Kunsill għall-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet militari tal-PSDK.
[2] Iċ-ċifra ta' €3.5 biljun hija estrapolazzjoni tal-ispiża annwali massima għall-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika u l-mekkaniżmu Athena matul l-aħħar snin, aktar milli ċifra tan-nefqa medja annwali li kieku tkun anqas.