Falkland Islands and the EU

IL-POLITIKA LINGWISTIKA TAS-SEAE

04/06/2020 - 11:59
Policy - Activity

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jwassal il-komunikazzjonijiet tiegħu dwar il-politiki u l-azzjonijiet esterni Ewropej liċ-ċittadini tal-UE u lill-udjenzi madwar id-dinja.

L-għan tagħna huwa li l-kontenut tagħna jkun kemm jista’ jkun possibbli aċċessibbli għall-utenti. Madankollu, irridu nsibu bilanċ raġonevoli bejn ir-rispett għall-kelliema tad-diversi lingwi tal-UE u tal-lingwi lokali mhux tal-UE, u kunsiderazzjonijiet prattiċi bħall-puntwalità, l-effiċjenza u l-kost tat-traduzzjoni, li hija ffinanzjata mill-kontribwenti tal-UE.

Xi tipi ta’ kontenut, bħal-leġiżlazzjoni tal-UE, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill jew id-Dikjarazzjonijiet tal-UE huma disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE. Xi kontenut jista’ jkun disponibbli b’lingwa waħda biss jew b’għadd ta’ lingwi, skont l-udjenza/i fil-mira inkwistjoni u l-valutazzjoni tagħna dwar kif tista’ tintlaħaq l-akbar udjenza bl-aktar mod effiċjenti u effettiv.

 

Il-politika lingwistika tas-sit web tas-SEAE hija bbażata fuq dawn it-tliet kriterji li ġejjin:

  1. kontenut ippubblikat bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE, pereż. id-Dikjarazzjonijiet f’isem l-UE, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill, it-taqsima “About us” (Dwarna)
  2. kontenut ippubblikat bl-Ingliż u bil-Franċiż biss, pereż. Dikjarazzjonijiet mir-Rappreżentant Għoli / Viċi President u mill-Kelliema
  3. kontenut ippubblikat bl-Ingliż u bi kwalunkwe lingwa rilevanti oħra, pereż. Stqarrijiet għall-istampa, dikjarazzjonijiet għall-istampa, diskorsi u rimarki, posts fi blogs mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President, ċerti funzjonalitajiet tal-web
  • Is-siti web tad-Delegazzjonijiet tas-SEAE għall-pajjiżi terzi, il-Missjonijiet u l-Operazzjonijiet militari u ċivili u l-Missjonijiet ta’ Osservazzjoni Elettorali, ospitati fuq is-sit web tas-SEAE, jipprovdu informazzjoni bl-Ingliż u bil-lingwa/i lokali tal-pajjiżi rispettivi. Id-dikjarazzjonijiet għall-istampa lokali normalment ikunu b’lingwa uffiċjali tal-UE waħda u bil-lingwa lokali.
  • Is-SEAE jopera wkoll sit web bir-Russu.
  • Il-lingwa li biha l-utenti jkunu qed jaraw is-sit web hija indikata fuq nett ta’ kull paġna web. Meta l-utenti jagħfsu fuq l-ikona jkunu jistgħu jibdlu l-lingwa. Hemm speċifikata l-lingwa li biha paġna web tkun disponibbli.
  • Fuq dan is-sit web jiġi miżjud u aġġornat kontenut ġdid il-ħin kollu. Dan ifisser li jekk traduzzjoni ma tkunx disponibbli, jista’ jagħti l-każ li tkun għadha sempliċiment qed tiġi tradotta. Aħna nippubblikaw it-traduzzjonijiet hekk kif isiru disponibbli.
  • Is-sit web tas-SEAE se jadotta b’mod progressiv l-approċċ li ġej:
    1. L-informazzjoni sempliċi u għat-tul immirata għall-pubbliku inġenerali se tiġi offruta gradwalment bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, apparti l-lingwa/i rilevanti l-oħra skont min ikunu l-qarrejja.
    2. Se jiġi kkunsidrat l-użu tat-traduzzjoni awtomatizzata għal-lingwi uffiċjali tal-UE għat-testi informattivi dment li l-utent ikun infurmat b’mod dovut bil-proċess.
    3. L-informazzjoni li tkun tgħodd għal ftit żmien jew li tkun speċjalizzata ferm, ġeneralment tidher bi ftit lingwi, jew anki b’lingwa waħda, skont l-udjenza.
  • Il-kontijiet tal-midja soċjali tal-Kwartieri Ġenerali tas-SEAE joperaw primarjament bl-Ingliż. Sa fejn ikun possibbli, niddiversifikaw il-kontenut tagħna f’termini ta’ lingwi u skont l-udjenza, għad-disseminazzjoni mir-Rappreżentanzi tal-UE, id-Delegazzjonijiet jew sħab oħra.
  • Id-Delegazzjonijiet tas-SEAE huma involuti f’ħidma ta’ sensibilizzazzjoni permezz tal-midja soċjali bil-lingwi lokali rilevanti.
  • It-talbiet għall-informazzjoni, immaniġġjati miċ-Ċentru ta’ Kuntatt Europe Direct, jistgħu jiġu ppreżentati bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-UE. It-tweġiba tas-SEAE tingħata bl-istess lingwa.
  • It-talbiet għall-aċċess għad-dokumenti wkoll jistgħu jsiru bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-UE. Għal raġunijiet ta’ effiċjenza u biex tiġi żgurata tweġiba f’qasir żmien, il-politika tas-SEAE hija li r-rikjedenti jintalbu jekk huwiex aċċettabbli għalihom li jirċievu tweġiba bl-Ingliż jew bil-Franċiż. F’każ ta’ risposta negattiva, it-tweġiba tingħata bil-lingwa ta’ min jagħmel it-talba. 

Il-Konsultazzjonijiet Pubbliċi, fl-għamla ta’ kwestjonarji online miftuħa għaċ-ċittadini tal-UE sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċess tat-tfassil tal-politika tal-UE, dejjem ikunu disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż, u ta’ sikwit b’ħafna mil-lingwi tal-UE. It-tweġibiet jistgħu jintbagħtu bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-UE. Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati tas-SEAE li fil-mira tagħhom ikollhom l-udjenzi esterni huma disponibbli bil-lingwi rilevanti.

Editorial Sections: