Renju Unit: Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli mal-ftuħ tad-Delegazzjoni tal-UE f'Londra

01.02.2020

Illum, ir-Renju Unit iħalli l-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz. Filwaqt li jiddispjaċina dwar id-deċiżjoni tar-Renju Unit li jħalli l-Unjoni tagħna, nirrispettaw din l-għażla b'mod sħiħ u ninsabu lesti nimxu 'l quddiem.

 

Ir-rappreżentazzjoni diplomatika tal-Unjoni Ewropea minn issa 'l quddiem ser tiġi żgurata minn Delegazzjoni tal-UE, taħt l-awtorità tiegħi bħala r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

 

Jiena ħtart lill-Ambaxxatur João Vale de Almeida bħal l-Kap tad-Delegazzjoni u m'għandix dubju li ser ikun qed jaħdem bla heda biex jiżgura l-kooperazzjoni mingħajr xkiel bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit. Il-bini ta' dik li kienet ir-Rappreżentazzjoni tal-Kummissjoni f'Londra issa ser isir dak tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea. L-operazzjonijiet jibdew illum.

 

Minbarra r-responsabbiltajiet tradizzjonali ta' Delegazzjoni tal-UE f'pajjiż terz, bħar-rappreżentazzjoni diplomatika tal-UE, il-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni fil-livell tal-UE u l-promozzjoni tal-UE fil-pajjiż ospitanti, id-Delegazzjoni tal-UE għar-Renju Unit ser ikollha rwol ewlieni biex tiżgura l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit. Flimkien mal-ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE, ser tqajjem kuxjenza wkoll dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit wara l-Brexit.

 

Ir-Renju Unit ser jibqa' sieħeb ewlieni għall-Unjoni Ewropea. Ir-relazzjoni tagħna għandha l-għeruq tagħha fil-valuri u l-interessi komuni tagħna li jirriżultaw mill-ġeografija, l-istorja u l-valuri ankrati fil-wirt Ewropew komuni tagħna.

 

Ir-relazzjoni ekonomika, soċjali u politika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit mhix ser tispiċċa. Ninsabu u ser nibqgħu marbutin mill-qrib. Ix-xewqa tagħna hi li nibnu sħubija ambizzjuża ġdida fil-kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika, l-infurzar tal-liġi u l-ġustizzja kriminali, il-politika barranija, is-sigurtà u d-difiża.

 

Nistenna bi pjaċir dik li nittama li ser tkun kooperazzjoni mill-qrib ħafna ma' sħabna Brittaniċi fl-isfidi komuni tagħna fil-livell reġjonali u dak globali.

 

Peter Stano
Lead Spokesperson for Foreign Affairs and Security Policy
+32 (0)460 75 45 53