Delegation of the European Union to Colombia

Mill-Viżjoni għall-Azzjoni: L-istrateġija Globali tal-UE fil-Prattika — Tliet snin wara, inħarsu ‘il quddiem

14/06/2019 - 08:45
News

Ir-rappreżentant Għoli/Viċi President Federica Mogherini ppreżentat it-tielet rapport dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-Unjoni Ewropea, “L-Istrateġija Globali tal-UE fil-Prattika — Tliet snin wara, inħarsu ‘il quddiem”, li se tiġi diskussa mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin u tad-Difiża tal-UE fil-Kunsill Affarijiet Barranin tas-17 ta’ Ġunju 2019 fil-Lussemburgu. Ir-rapport jagħti ħarsa lejn il-progress li sar f’dawn l-aħħar tliet snin, mill-preżentazzjoni tal-Istrateġija Globali f’Ġunju 2016, f’ħames oqsma ta’ prijorità — is-sigurtà tal-Unjoni, ir-reżiljenza soċjali u tal-istat fil-Lvant u fin-Nofsinhar tagħna, approċċ integrat għall-kunflitti u l-kriżijiet, ordnijiet reġjonali kooperattivi u l-governanza globali għas-seklu 21 - u jipprovdi orjentazzjonijiet possibbli ‘l quddiem fis-snin li ġejjin.

eu global strategy

Daħla għar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE, mir-Rappreżentant Għoli Federica Mogherini:
 
“Qatt ma ħarisna lejn l-Istrateġija Globali bħala eżerċizzju teoretiku. Kien dejjem maħsub li tkun gwida għall-azzjoni tagħna — u dan huwa fil-fatt dak li seħħ minn meta ġiet ippreżentata. Tliet snin ilu, iddiskrivejna d-dinja bħala “kumplessa u kkontestata”: rajna l-ħtieġa li nagħmlu lill-Ewropa aktar b’saħħitha u aktar sikura, ħassejna responsabbiltà lejn iċ-ċittadini Ewropej u s-sħab tagħna, u ndunajna li konna qed nużaw biss parti żgħira mill-potenzjal kollettiv tagħna.

Illum id-dinja mhijiex f’qagħda aħjar milli kienet fiha tliet snin ilu. Iżda l-Ewropa qed titqies dejjem aktar bħala punt ta’ referenza globali. Dan ukoll minħabba li esplorajna l-potenzjal mhux sfruttat tal-Unjoni tagħna — l-ewwel nett, fejn jidħlu s-sigurtà u d-difiża. Dan ir-rapport juri t-triq li mxejna f’dawn is-snin. Juri li żammejna ħafna mill-wegħdiet tal-Istrateġija Globali, u li f’xi każijiet ksibna aktar milli konna qed nittamaw. L-Unjoni Ewropea tas-Sigurtà u d-Difiża ħadet l-ewwel passi tagħha. L-Istati Membri issa qed jinvestu fi proġetti komuni industrijali u ta’ riċerka, biex jiżviluppaw l-ispettru sħiħ tal-kapaċitajiet tad-difiża li għandna bżonn għas-sigurtà komuni tagħna. Il-missjonijiet internazzjonali tagħna għandhom strutturi aħjar ta’ kmand u aħna impenjajna ruħna li ninvestu aktar fl-azzjoni ċivili tagħna. Qegħdin nikkooperaw aktar minn qatt qabel mas-sħab tagħna - ibda mis-suldati taż-żamma tal-paċi min-Nazzjonijiet Uniti san-NATO, mill-operazzjonijiet ta’ paċi tal-Afrika sal-ASEAN. Is-sħab tagħna jafu li s-saħħa tal-Ewropa mhijiex biss is-setgħa ta’ persważjoni tagħna.

Iżda din mhijiex l-unika raġuni għaliex aħna dejjem qed insiru aktar u aktar punt ta’ referenza globali. Fi żminijiet meta n-Nazzjonijiet Uniti u l-idea stess ta’ governanza globali bbażata fuq ir-regoli ġew taħt pressjoni dejjem akbar, aħna investejna fil-multilateraliżmu aktar minn qatt qabel. Urejna dan billi nintensifikajna l-impenji finanzjarji tagħna lejn is-sistema tan-NU, pereżempju billi salvajna l-Aġenzija tan-NU għar-refuġjati Palestinjani mill-kriżi finanzjarja tagħha, appoġġjajna l-aġenda ta’ riforma tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, u qed naħdmu biex nippreżervaw il-ftehim nukleari mal-Iran. Iżda dan mhux kollox. Dejjem ippruvajna nibnu qafas multilaterali xieraq biex insolvu kull kriżi fid-dinja: għax dan huwa l-uniku mod biex jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli għall-problemi ta’ żmienna. Dejjem poġġejna għas-servizz tal-multilateraliżmu l-kapaċità tagħna li nlaqqgħu flimkien il-partijiet, fi sforz biex inwasslu lis-setgħat reġjonali u globali rilevanti jpoġġu madwar il-mejda tan-negozjati. Din hija l-idea tal-Konferenzi fi Brussell dwar is-Sirja, tal-Grupp ta’ Kuntatt Internazzjonali dwar il-Venezwela, tal-Kwartett għal-Libja, u tal-laqgħat reġjonali li organizzajna dwar l-Afganistan. Inħossu r-responsabbiltà li nagħmlu l-parti tagħna, b’mod kooperattiv.

Dan huwa minnu fir-reġjun tagħna stess, ibda mill-Balkani, fejn il-potenzjal pożittiv tal-involviment tagħna huwa enormi u mingħajr paragun. Iżda dan jgħodd ukoll għall-bqija tad-dinja. L-Unjoni Ewropea saret sieħba aktar indispensabbli fil-kisba tal-paċi u s-sigurtà madwar id-dinja kollha.

L-Istrateġija Globali stabbiliet viżjoni għall-Ewropa fid-dinja, iżda wkoll u essenzjalment ippromwoviet aktar koerenza fl-azzjoni esterna tal-Unjoni. Aħna insistejna dwar il-ħtieġa li nkunu aktar “maqgħudin”, mhux biss bħala mezz biex nimxu lejn Unjoni dejjem aktar magħquda, iżda primarjament biex l-azzjoni tagħna tkun aktar effettiva u inċisiva. F’dawn is-snin, għamilna progress fis-sinkronizzazzjoni tal-politiki tagħna dwar l-iżvilupp u s-sigurtà. Sar impossibbli li tiġi nnegata r-rabta bejn l-avvenimenti interni u esterni, u l-politiki tagħna evolvew skont dan. Żviluppajna strumenti finanzjarji aktar intelliġenti, bħall-Fondi Fiduċjarji, u l-Istati Membri tal-UE jikkollaboraw fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU b’modi li kienu jidhru impossibbli sa tliet snin ilu.

L-Istrateġija Globali kienet il-gwida kollettiva tagħna f’dawn iż-żminijiet diffiċli. L-istrateġija kienet ir-riżultat ta’ sentejn ta’ riflessjoni kollettiva mhux biss fl-istituzzjonijiet u fl-Istati Membri tal-UE, iżda wkoll mas-soċjetà ċivili u d-dinja akkademika. Matul dan il-proċess, tfaċċa kunsens ġdid dwar dak li l-Unjoni tagħna kellha bżonn, dwar dak li aħna neqsin minnu u dwar id-direzzjoni li għandna nieħdu.

Progress seta’ jsir biss għax kien hemm rieda politika kollettiva soda biex nimxu ‘l quddiem.
Iżda dak kollu li ksibna jista’ jkollu ħajja qasira jekk din r-rieda politika tonqos fil-futur. Ir-riżultati jridu jiġu kkonsolidati u t-toroq ġodda li nfetħu jeħtieġ li jiġu esplorati aktar. Dan ir-rapport jenfasizza l-kisbiet u n-nuqqasijiet, u jissuġġerixxi għażliet għal azzjonijiet futuri possibbli.

Bl-Istrateġija Globali, għażilna l-perkors lejn Ewropa aktar b’saħħitha. Dik l-għażla trid tiġi kkonfermata kuljum, f’kull pass li jsir.”

- Federica Mogherini
 
 
Ikklikkja biex tkabbar u taqra r-rapport:

 

Editorial Sections: