Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
EEAS Building, 9A Rond Point Schuman - 1000 Brussels
EEAS Building, 9A Rond Point Schuman - 1000 Brussels
Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Politika tal-Affarijiet Barranin u s-Sigurtà/Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea
F'Novembru 2009 Catherine Ashton inħatret bħala l-ewwel Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Politika tal-Affarijiet Barranin u s-Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea (HR/VP).
Din il-kariga ġdida nħolqot skont it-Trattat ta' Lisbona u l-persuna li għandha din il-pożizzjoni hi responsabbli biex tikkoordina l-politika Komuni għall-affarijiet barranin u s-sigurtà tal-UE. Il-kariga tgħaqqad flimkien dawk li qabel kienu funzjonijiet separati – biex il-politika esterna tal-UE tkun aktar konsistenti u koerenti.
Ir-Rappreżentant Għoli/Viċi-President hi megħjuna f'xogħolha mis-Servizz għall-Azzjoni Esterna Ewropea (EEAS), ifformat fl-1 ta' Jannar 2011 bl-għaqda tad-dipartimenti għall-politika esterna tal-Kummissjoni u tal-Kunsill u bl-involviment ta' diplomati minn servizzi diplomatiċi nazzjonali.
Il-portafoll tagħha jinkludi varjetà wiesgħa ta' xogħol:
Kummissarju għall-Kummerċ tal-UE
Qabel ma ħadet il-kariga attwali tagħha, Catherine Ashton kienet il-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kummerċ.
Hi mexxiet negozjati ewlenin dwar il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles mal-Korea, finalizzat f'Ottubru 2009, u solviet għadd ta' tilwim kummerċjali importanti ma' partners kummerċjali ewlenin. Hi ddefendiet ukoll il-kummerċ bħala mezz biex ikun promoss l-iżvilupp madwar id-dinja, billi poġġiet ir-relazzjoni ekonomika tal-UE mal-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (AKP) fuq bażi aktar soda.
Catherine Ashton irrappreżentat ukoll lill-UE fir-Rawnd ta' Doha tat-taħdidiet dwar il-kummerċ dinji u bniet relazzjonijiet bilaterali b'saħħithom għall-kummerċ u l-investiment.
Karriera politika fir-Renju Unit
Fl-1999 hi nħatret Labour peer għal ħajjitha bħala riżultat ta' xogħolha fil-bini ta' komunitajiet.
F'Ġunju 2001 inħatret Sotto-Segretarja Parlamentari tal-Istat fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-Kapaċitajiet. Fl-2002 hi kienet responsabbli għall-inizjattiva "Sure Start" fl-istess dipartiment.
F'Settembru 2004, is-Sinjura Ashton inħatret Sotto-Segretarja Parlamentari fid-Dipartiment għall-Affarijiet Kostituzzjonali.
Fl-2005 ġiet ivvotata bħala "Ministru tas-Sena" minn The House Magazine u "Peer of the Year" minn Channel 4. Fl-2006 rebħet il-premju "Politiku tas-Sena" waqt l-iStonewall Awards annwali.
F'Ġunju 2007 Catherine Ashton inħatret fil-Kabinett tal-Gvern Laburista Ingliż bħala Mexxej tal-Kamra Għolja Parlamentari, tal-House of Lords.
Edukazzjoni
Hi studjat f'Upholland Grammar School f'Billinge Higher End, Lancashire, imbagħad f'Wigan Mining and Technical College. Wara Ashton kompliet tistudja f'Bedford College, Londra. Hi ggradwat b'BSc fis-Soċjoloġija fl-1977.
Ħajja privata
Catherine Ashton twieldet f'Lancashire, l-Ingilterra fl-20 ta' Marzu 1956, hi miżżewġa u għandha żewġt itfal u tliet neputijiet.